Il-Kwadru titulari gol-knisja ta'Hal Luqa

 

Minbarra l-istatwa tant devota ta’ Sant Andrija li saret fl-1779 u li hi xogħol tal-iskultur Giuseppe  Scolaro, insibu ukoll il-Kwadru Titulari li żgur aħna l-Ħalluqin tant magħrufin għalih.  Dan il-kwadru Titulari tpitter mill-bravu pittur ċelebri, il-Kalabriż Mattia Preti.

 

 

Il-Kwadru l-Antik

 

Qabel ma’ tpitter dan il-kwadru ta’ Mattia Preti, kien hemm kwadru ieħor li kien lest fl-1600 u li llum il-ġurnata jinsab fis-sagrestija tal-Knisja.  Dan il-kwadru tpitter mill-pittur Filippu Dingli li kien minn Ħ’Attard.   Dan il-kwadru l-antik li kien jieħu postu fuq l-altar maġġur tal-Knisja l-Qadima li saret parroċċa fl-1634 fih tliet figuri:  L-Assunzjoni tal-Madonna fin-nofs, Sant Andrija ihaddan is-salib u San Pawl fuq il-lemin u xellug tagħha.  Dan il-kwadru jissemma wkoll fir-rapport tal-Vista Pastorali  li għamel l-Isqof Balaguer fl-1636 meta Ħal Luqa diga’ kienet saret parroċċa.  F’dan ir-rapport naqraw li l-kwadru kien mgħotti minn biċċa drapp biex tilqa’ t-trab waqt il-bini tal-knisja l-ġdida.  Dan il-kwadru huwa biċċa xoghol interessanti ta’ arti indiġena u popolari. Dan hu eżempju ċar ta’dik li fit-terminoloġija ta’ l-arti  tissejjaħ “Sacra Conversazione” (Tahdita Qaddisa) – li f’din it-terminoloġija ta’ l-arti naraw ir-rappreżentazzjoni tal-Verġni Mbierka mdawra b’għadd ta’ qaddisin mehsija f’xi sura ta’ konversizzjoni. Fil-Knisja tagħna insibu żewg eżempji oħra aktar elaborati minn dan il-Kwadru ta’ Filippu Dingli. Dawn huma l-kwadri tar-Rużarju u taċ-Ċintura. Fin-nofs tal-kwadru naraw il-madorla tad-dawl li tgeżwer ix-xbieha tal-Madonna. Din l-awreola forma ta’ lewża tirrappreżenta l-glorja tal-figura qaddisa.

 

                                                                                                                        

 

Il-Kwadru Titulari ta’ Mattia Preti.

 

  Dan il-kwadru titulari ta’ Sant Andrija Appostlu u li jġib id-data ta’ l-1687 fi żmien il-kapillan Dun Franġisk Theuma (1683-1711) tpitter minn Fra Mattia Preti.  Dan it-titular il-ġdid jirrapreżenta lill-Appostlu Sant Andrija, marbut ma’ salib minn żewġ manigoldi, wieħed fuq kull naħa tar-riġlejn tas-salib.  Sant Andrija qiegħed iħares ‘il fuq lejn is-sema miftuħ, mimli dawl u dija.  Fuq nett, fuq ix-xellug u l-lemin tas-Salib insibu żewġ anġli żgħar li qegħdin joffru lill-Appostlu l-palma u l-kuruna tal-martri.  Dan il-kwadru ta’ Preti juri wkoll fil-boghod il-Belt ta’ Patras bl-iswar imdawra magħha.   Fl-isfond ta’ dan il-kwadru jidhru xi nies u xi kapijiet tal-poplu ta’ Patras, li jidhru qegħdin jisimgħu l-aħħar tagħlim fuq Ġesu’ Kristu minn ħalq l-Appostlu Sant Andrija.  Dan ix-xogħol, għalkemm iżgħar fid-daqs jixbah lil dak tal-Martirju ta’ l-Appostlu li Fra Mattia Preti pitter bħala titular fil-Knisja ta’ San Andrea della Valle f’ Ruma.

                            

 

Il-kwadru Titulari ġewwa l-knisja ta’ San Andrea della Valle f’ Ruma li ġie mpitter mill-pittur bravu Mattia Preti. F’dan il-kwadru nsibu ħafna affarijiet simili tal-kwadru li għandna  ġewwa l-Knisja tagħna fost l-affarijiet li naraw hem mil-Belt ta’ Patras li fl-inkwadru tagħna tidher mill-bogħod , il-manigoldi li qegħdibn jorbtu lil Sant Andrija  mas-salib  u ħafna affarijiet oħra li wieħed jista’ jinduna meta jifli sew dan il-kwadru ta’  Preti.

 

 

 

 

Min kien Mattia Preti, il-persuna li pitter dan it-titular fil-knisja ta’ Ħal Luqa?

 

  Mattia Preti, iben Cesere u Innocenza Shipani, twieled f’ Taverna fil-provinċja ta’ Catanzaro fil- Kalabrija nhar l-24 ta’ Frar 1613 fil-festa ta’ San Mattia Appostlu.  Mattia trabba f’ familja ta’ sitt itfal – żewġ ħutu subien ikbar minnu wieħed mogħti għall-arti u ieħor għall-ligi , kellu wkoll tlett ħutu bnietli waħda minnhom saret soru.  Ħa l-edukazzjoni tiegħu minn għand saċerdot li għenu jibni l-karattru tiegħu f’dak morali , spiritwali u artistiku.  Huwa libes l-abitu ta’ Cavaliere d’ Ubbidienza fl-ordni ta’ San Ġwann fl-1642. Wara li laħaq Kavallier għamel ħafna xogħlijiet ta’ pittura fil-Knisja ta’ San Bingio f’ Modena u f’ Porte di Napoli.  Fil-15 ta’ Settembru tas-sena 1661 erba’ snin qabel  l-Assedju l-Kbir li sseħħ fl-1665 f’ Malta lil Mattia Preti innominawh Cavaliere di Grazia  u aktar tard wara din il-ħatra beda jaħdem fuq proġett kbir ġewwa l-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil- Belt Valletta.  Ħafna xogħlijiet ta’ dan il-pittur ċelebri insibuhom f’ħafna postijiet imxerdin f’ din il-gżira ta’ San Pawl fosthom insibu t-titular ta’ Santa Katerina Verġni u Marti fil-Knisja Arċipretali taż- Żurrieq, xogħol mill-isbaħ ħafna  li juri l-kapaċita ta’ dan il-pittur bravu.  F’ din il-Knisja nsibu wkoll  kwadru ta’ daqs konsiderevoli li jirrapreżenta lil Sant’ Andrija Appostlu.  Fil-Knisja ta’ Ħal Luqa  nsibu wkoll xogħlijiet oħra dawn huma l-kwadru li jirrapreżenta t-tlugħ ta’ Santa Marija fis-sema li sar għall-ħabta tas-sena 1669, kwadru ieħor  li sar għall-ħabta tas-sena 1678 huwa l-kwadru tal- Missier Etern bl-Ispitru Santu fuqu , illum il-ġurnata jinsab fis-sagrestija tal- Knisja . Kwadru iehor lit pitter mill-pittur Mattia Preti imam mitluf huwa l-kwadru ta’ San Duminku Soriano li sar ukoll fis-sena 1678.   Fra Mattia Preti miet propju f’pajjiżna stess fl-eta’ ta’ 86 sena , nhar it-3 ta’ Jannar  fis-sena 1699 fir-raħal taż-Żurrieq.  Preti jinsab midfun fil- Knisja Konventwali tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, illu mil-ġurnata il- Konkattidral tal- Knisja Maltija.

 

F’dan l-artiklu  rajna id-dettalji kollha ta’ dan il-kwadru titulari li jirrapreżenta lil Sant’ Andrija  fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, kif ukoll tajt tagħrifbijografiku fuq Mattia preti li għex Malta għal 38 sena sħaħ.  Nahseb issa wara li għaddew 51 sena minn mindu sari r-restawr mill-Prof.Oscar Testa tal- Musei Vaticani  fl-1956 , għandna nibdew proċess biex din l-opra hekk sabiħa u artistika terga’ tigi irrestawrata mill-ġdid sabiex din l-opra tibqa miżmuma iktar f’kundizzjoni tajba biex b’hekk il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jibqgħu jiftaħru b’din l-ġawrha tal-pittur ċelebri Fra. Mattia Preti.

 

 

  Biblografija:

                    

                       - Programm tal-Festa Sant’Andrija ( Soċjeta Filarmonika L-Unjoni Luqa

                         A.D 1880) 1999

 

                      - Storja Halluqija (Kan Karm Żammit) 2000

                       

                      -  370 Sena Parroċċa Sant Andrija – Ħal Luqa ( Għaqda Mużikali Sant      

                         ‘Andrija A.D 1883) 2004

 

                     

 

Siti Elettronici:

 

-         www.luqaparish.com

 

 

Awtur:   Andre’ Farrugia

 

 

BACK TO INDEX