Nies Li Ghamlu Gieh Lil Hal-Luqa.

Mario Cassar


  Mario Cassar twieled fil-5 ta’ Awissu 1962 minn Espedito Cassar u Ursolina, imwielda Zarb. Hu miżżewweġ lil Deborah, imwielda Caruana, u għandu tifla, Katrina. Joqgħod Ħal Luqa fejn trabba u għex.

Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Luqa (1968–1973); il-Kulleġġ Mount Carmel (illum St Elias), Santa Venera (1973–1978);  l-Upper Secondary, il-Belt Valletta (1978–1980); u l-Università ta’ Malta (1981–1986), minn fejn iggradwa B.Ed. (Hons.) fl-1986 u aktar tard M.A. (Malti) fl-1996.

Għallem f’diversi skejjel, fosthom fil-Junior Lyceum Carlo Diacono taż-Żejtun. Issa ilu sa mill-1995 assistant lecturer fid-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College, l-Imsida, fejn jgħallem il-lingwistika u l-letteratura Maltija.

Fis-snin 1992–1994 kien president ta’ l-Għaqda tal-Malti (Università). Ta sehmu fl-organizzazzjoni ta’ diversi seminars letterarji u korsijiet fis-sengħa tal-kitba. Hu membru ta’ l-Akkademja tal-Malti u ta’ l-ICOS (soċjetà internazzjonali ta’ l-onomastika). Attenda diversi konferenzi u korsijiet barra minn Malta relatati mal-lingwistika u l-onomastika.

Kiteb numru kbir ta’ artikli u papers akkademiċi f’ġurnali u rivisti lokali, l-aktar fuq  il-letteratura u l-ilsien Malti, iżda anki fuq l-arti u ċ-ċinema. Ikkontribwixxa għadd ta’ artikli oħra fuq l-istorja ta’ Ħal Luqa u l-patrimonju artistiku tar-raħal fil-fuljett Leħen il-Parroċċa, kif ukoll fil-kotba tal-festa li joħorġu ta’ kull sena miż-żewġ soċjetajiet mużikali ta’ Ħal Luqa. Kiteb ukoll Ir-Reqqa tal-Kitba (2000), manwal fuq l-ortografija Maltija; u The Surnames of the Maltese Islands: An Etymological Dictioanry (2003), ktieb fuq is-sinjifikat u n-nisel tal-kunjomijiet Maltin.

BACK TO INDEX